
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi twaqqfet fl-2001 bil-għan li tassisti soċjeta’ li qed tevolvi billi tipprovdi servizz għall-ulied, lil hinn mill-iskola sabiex il-ġenituri tagħhom ikunu jistgħu jibbilanċjaw l-esiġenzi tax-xogħol ma’ dawk familjari. Dan is-servizz jinkludi 14 ‘il ċentru ta’ Childcare tal-istat, 38 ċentru ta’ klabb 3-16 u 58 ċentru ta’ skolasajf.
Matul dawn l-aħħar snin, f’soċjeta’ li qed taħdem f’kapaċita’ massima t’impjieg, dawn is-servizzi qed isiru aktar essenzjali, id-domanda għas-servizz qed dejjem tikber u l-esiġenzi tal-ġenituri qed jevolvu wkoll. F’dan l-ambjent, huwa mportanti li l-FES tevalwa u ġġedded is-servizzi tagħha sabiex, filwaqt li tilħaq l-aspettattivi tal-ġenituri, tiggarantixxi li l-ulied li jitħallew għandha jingħataw l-aqwa servizz permezz ta’ programm edukattiv non-formali ta’ l-oghla kwalita’. Dan l-impenn tal-FES għal servizz dejjem aħjar huwa kkorroborat u xprunat ukoll mill-istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni (2030) li tisħaq li servizzi bħal klabb 3-16 u skolasajf iridu eventwalment jibdew joffru programmi edukattivi akkreditati.
Sabiex l-FES ittejjeb is-servizzi tagħha huwa importanti mhux biss li tirrifletti u tevalwa ħidmietha iżda wkoll li tistħarreġ x’qed jagħmlu pajjiżi oħra f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, ħarsitna waqgħet fuq l-Estonja, pajjiż ewlieni fil-qasam edukattiv. Xtaqna li naraw u nifhmu kif jitwettaq il-programm non-formali billi mhux biss niddiskutu dwar, iżda ngħixu l-esperjenza flimkien mal-Estonjani ħalli nkunu nistgħu nqabblu u nitgħallmu u finalment nisiltu prattiċi tajbin għalina. Applikajna b’suċċess għal fondi tal-Ewropa taħt il-programm ERASMUS + u fil-bidu t’April delegazzjoni mill-Fondazzjoni telgħet tagħmel din l-esperjenza. Matul iż-żjara, qattajna ġranet fi skejjel preliminari, primarji u saħansitra speċjali ġewwa Parnu, belt ewlenija fl-Estonja.
Iċ-childcare fl-Estonja jaħdem differenti ħafna mill-kuntest Malti. Hemmhekk iċ-childcare jibda ta’ 18 ‘il xahar u amalgamat mal-kunċett tal-klassijiet tal-kinder. Fejn hawn Malta l-klassijiet tal-kinder jibdew minn 3 snin hemmhekk jibdew minn sena u nofs. Fejn hawn Malta iċ-ċhildcare hu provdut minn 3 xhur sa 3 snin, hemmhekk il-leave tal-maternita’ jestendi għal sena u nofs.
Kuntrast ieħor bejn is-sistemi edukattivi hu l-fatt li l-Estonjani jħaddmu servizz wieħed t’ edukazzjoni li jinkludi l-formali u non-formali filwaqt li hawn Malta għandna direttorat li jmexxi l-formali u entita’ li tmexxi n-non-formali. Ġewwa l-Estonja l-għalliema jaħdmu f’pari, 70 siegħa mqassma fuq ħmistax ‘il ġurnata, min jagħmel ix-xift ta’ filgħodu u min ta’ wara nofsinhar u jalternaw bejniethom. Jiltaqgħu u jikkollaboraw flimkien għal sagħtejn kuljum. Jippreparaw kemm il-kurrikulu għat-tagħlim formali kif ukoll l-attivitajiet non-formali għal wara l-ħin tal-iskola.
Interessanti l-fatt li l-Estonjani adottaw kunċett ta’ ‘hobby school’. Skejjel fejn is-suġġetti mgħallma huma purament prattiċi. Dawn l-iskejjel jaħdmu id f’id mal-iskejjel formali waqt il-ġurnata skolastika billi jilqgħu żjarat ta’ studenti. L-istudenti imbagħad, jekk ikunu nteressati jistgħu jirreġistraw u jattendu b’mod volontarju għal klassijiet wara l-iskola f’dawn l-iskejjel speċjalizzati.
Rimarkabbli huwa l-livell ta’ dixxiplina personali u indipendenza mnissla fit-tfal sa minn kmieni. Sa minn eta’ bikrija, l-istudenti jivvjaġġaw minn, lejn u bejn l-iskejjel waħedhom bit-trasport pubbliku.
Dawn huma ftit mill-ħafna prattiċi li rajna fl-Estonja. Ovvjament dak li jaħdem f’kuntest mhux neċessarjament jaħdem f’kuntest ieħor. Il-kulturi u l-istrutturi ta’ pajjiż huma differenti u mhux neċessarjament huma aħjar jew agħar minn ta’ xulxin. Rajna madankollu attivitajiet li wieħed jista’ jikkonsidra u li jżidu l-valur fil-programmi tagħna.
Bla dubju din kienet żjara li wessgħet l-orizzonti tal-Fondazzjoni. Din iż-żjara ma kenitx tkun possibbli mingħajr l-intervent dirett ta’ Dr. Kenneth Vella, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u Finlandja, li jaħdem qatigħ sabiex ikattar il-kollaborazzjoni bejn il-pajjizi Nordiċi u Malta, Nordic Knowledge entita’ Estonjana li assistiet sabiex ġew individwati l-iskejjel li żorna, it-taħdidiet li kellna u sabiex din il-mawra kienet suċċess u anki l-EUPA, l-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna.
Article published on Talk.mt
This project was funded by the European Union. Views and opinions expressed are however those of the authors only and do not necessarily reflect those of the European Union or EUPA. Neither the European Union nor the granting authority can be held responsible for them.