Navigate Up
Sign In

Jiftħu l-applikazzjonijiet għal Skolasajf 2019

 
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol tħabbar li lapplikazzjonijiet għall-edizzjoni ta’ Skolasajf ta’ din is-sena huma miftuħa. Skolasajf hu proġett nazzjonali organizzat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) u toffri edukazzjoni mhux obbligatorja matul ix-xhur tas-sajf. Din is-sena se tiftaħ il-bibien tagħha nhar il-15 ta’ Lulju sas-6 ta’ Settembru 2019.

Din is-sena d-domanda għas-servizz ta’ Skolasajf mistenni li tisboq dik tas-sena l-oħra hekk kif mat-12,200 tifel u tifla gawdew minn dan is-servizz. It-tfal li se jattendu Skolasajf 2019 se jibbenifikaw minn programm ta’ atitivitajiet edukattivi mhux formali. It-tema ta’ din is-sena ġġib l-isema ta’ My Travel Journal li se tieħu lit-tfal fuq vjaġġ ta’ esperjenzi kemm fiċ-ċentri kif ukoll barra miċ-ċentri fejn hemm ippjanati diversi attivitajiet bil-għajnuna ta’ aktar minn 40 imsieħba.

L-FES toffri dan is-servizz madwar Malta u Għawdex, liema servizz hu mifrux f’madwar 60 lokalità li f’34 ċentri jiġi offrut ukoll is-servizz ta’ ħin qabel u wara l-programm ewlieni biex jakkomoda lill-ġenituri li jaħdmu.

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ japplika għas-servizz ta’ Skolasajf kemm b’mod elettroniku b’sistema online https://services.fes.gov.mt/​ kif ukoll manwalment mill-fergħat tal-Malta Post. Kull assistenza għall-applikazzjoni online qed tingħata wkoll mill-one stop shop fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Biex jingħata s-servizz, l-FES timpjega madwar 2,000 impjegat li jinkludu playworkers u child support workers u l-applikazzjonijet għar-reklutaġġ għal dawn l-postijiet huma miftuħa wkoll. Min hu interessat jista’ jżur is-sit https://recruitment.fes.gov.mt/.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tnieda l-logo ta’ Skolasajf ta’ din is-sena wara kompetizzjoni fost l-istudenti ta’ Klabb 3-16 u l-istudenta Elaia Galea ta’ tmien snin hi r-rebbieħa għall-aħjar disinn artistiku fost aktar minn tmenin sottomissjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima rringrazzja lill-FES li għalkemm il-qofol ta’ dan is-servizz edukattiv mhux obbligatorju hu fis-sajf, ix-xogħol preparatorju jsir matul is-sena kollha biex jiġi offrut programm interessati fuq tagħlim ta’ pjaċir u li b’dan il-mod it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet varji tagħhom. Għal aktar interess fledukazzjoni fost it-tfal dan il-mod ta’ tagħlim għandu jkun b’mod kontinwu u mhux fis-sajf biss, qal Dr Grima.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żied li Skolasajf hu servizz ieħor offrut mill-FES li qed ikompli jagħti sostenn lill-familji li jridu jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja. Semma li hemm firxa ta’ programmi differenti għal etajiet differenti u anke għal ħtiġijiet edukattivi varji inklużi dawk fir-resource centres u li dan mhux biss servizz ta’ ħarsien tat-tfal imma hu opportunità biex it-tfal jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FES Dermot Galea tkellem dwar il-popularità ta’ Skolasajf li dejjem qed tiżdied u għalhekk il-ħidma biex kemm il-proċess tal-applikazzjoni kif ukoll is-servizz innifsu jkunu dejjem iktar aċċessibbli għall-pubbliku.