Navigate Up
Sign In

Ftuħ ta’ Skolasajf 2018

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo għamel żjara fl-iskola primarja tal-Fgura, wieħed mic-ċentri li fih is-servizz ta’ Skolasajf 2018 qed jiġi offrut, fost 59 ċentri oħra madwar Malta u Għawdex f’binjiet ta’ skejjel primarji u ċentri tar-riżorsi, b’ total ta’ 1850 ħaddiema involuti f’dan is-servizz u xejn anqas minn 800 child support workers u 800 playworkers. Din is-sena applikaw ’il fuq minn 12,100 tfal, żieda ta’ aktar minn 700 tifel u tifla mis-sena li għaddiet.

Għal sena oħra Skolasajf 2018 fetħet il-bibien tagħha t-Tnejn 16 ta’ Lulju għal studenti tal-primarja u tas-sekondarja, u t-Tlieta għal studenti tal-kinder. Dan is-servizz se jibqa’ għaddej għal perjodu ta’ tmien ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30 ta’ filgħodu sal-12:30 ta’ waranofsinhar Is-servizz ġie estiż għall-ġenituri li jaħdmu u qed jiġi offrut f’ċentri varji li jkopru il-ħinjijiet mis-07:00 sat-08:30 ta’ filgħodu u min-12:30 sal-17:30 ta’ waranofsinhar.

Skolasajf huwa proġett nazzjonali organizzat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES), li joffri edukazzjoni mhux obbligatorja matul ix-xhur tas-sajf. Tfal ta’ bejn tliet snin u sittax-il sena jistgħu jattendu għal programm sħiħ ta’ attivitajiet, u dawn jistgħu jagħżlu li jattendu fil-lokalità tal-għażla tagħhom, b’kull ċentru joffri l-istess programm ta’ attivitajiet skont il-linji gwida uffiċjali maħruġa mill-FES stess.

It-tema ewlenija għall-programm Skolasajf 2018 hija Living Culture, li torbot mas-sena tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Living Culture huwa titlu li jiggwida lit-tfal biex iħarsu lejn il-kultura b’mod ħolistiku, u b’mod divertenti u interessanti. Permezz tal-programm tal-FES, il-kultura nazzjonali u kulturi internazzjonali oħra se jiġu esplorati. Matul Skolasajf it-tema ewlenija hija esplorata permezz ta’ numru ta’ temi sekondarji li jgħinu lit-tfal jifhmu u japprezzaw it-tema minn perspettivi diversi. Barra minn hekk, it-tfal li jattendu l-programm Skolasajf jimpenjaw ruħhom fi programm strutturat ta’ attivitajiet li jvarjaw minn arti u snajja, logħob u sports, rakkont ta’ stejjer u kant, kif ukoll tisjir.

Il-Ministru Bartolo rringrazzja lill-koordinaturi ta’ Skolasajf u dawk kollha involuti fi ħdan l-FES tax-xogħol kollu tagħhom biex jiġi offrut dan is-servizz li joffri program informali iżda edukattiv fejn it-tagħlim huwa ta’ pjaċir u t-tfal jiżviluppaw il-ħiliet varji tagħhom. Dan il-mod ta’ tagħlim m’għandux ikun biss fis-sajf imma kontinwu biex it-tfal ikunu aktar interessati fl-edukazzjoni, temm jgħid il-Ministru Bartolo.